Wednesday, August 13, 2008

Maltese translation


L-ISBAĦ SIDER FIL-PUNENT

Il-programm internazzjonali tal-kitba f’Iowa uriena l-Amerka minn ħafna angoli differenti u mhux mistennija. Bħal ngħidu aħna dak ir-riklam fil-gazzetta ta’ l-Università dwar “Night Dancer Club”, fejn minbarra s-soltu erbatax –il mara jinżgħu quddiemek, kellha tidher ċerta Candy Apples fi spettaklu msejjaħ “L-Isbaħ Sider fil-Punent”. Jekk inqisuh bħala d-destin li naraw il-piramidi jew li niltaqgħu mal-Papa mqar darba f’ħajjitna, li tara l-isbaħ sider fil-punent kellha tkun okkażjoni daqstant importanti. U allura tlaqtilha lejn l-ispettaklu flimkien ma’ xi kollegi tiegħi.

Is-sala ewlenija tal-klabb taż-żfin kienet irranġata b’tali mod li ma stajtx titlef żifna waħda – għax wara kollox klabb taż-żfin għalhekk qiegħed. Fin-nofs eżatt kien hemm palk b’pilastru tal-fidda fejn in-nisa li jinżgħu bdew jiżfnu.

Candy Apples, l-istilla tal-lejla, ma kinitx xi mara twila, iżda kellha binja perfetta. U bħala l-protagonista kellha kostum isbaħ x’tinża’. Għalkemm iż-żifna propja ma ħaditx wisq tul ta’ ħin, il-palk kien imdawwar kollu kemm kien bil-klijenti. Kellha xiħaġa speċjali aktar min-nisa l-oħra. Minflok ma bdiet tiġbor id-dollari u titwihom taħt il-G-string, bdiet teħodhom f’idejha, titwihom u tpoġġihom fuq imnieħer il-klijent, imbagħad tagħfas sidirha u tiġbor id-dollari bih magħfus. Mod tassew effettiv, eleganti u mexxej!

Ikolli nistqarr li ma stajtx nirreżisti l-opportunità li jkolli l-isbaħ sider tal-Punent jistad il-karta tad-dollari minn fuq l-imnieħer tond li għandi. Kienet esperjenza ta’ darba f’ħajtek – qisek qed titgħannaq m’ommok: b’dak il-laħam kbir, tari u aromatiku jingħafas ma’ wiċċek. Spiċċajt ftaqart fid-dollari imma sinjur fl-esperjenza!

Wara l-ispettaklu Candy bdiet tbiegħ ir-rirtattri tagħha. Mhux li kelli xi interess partikulari, iżda xtaqt insir naf aktar dwarha; fuq kollox kittieb dejjem irid jagħmel ir-riċerka tiegħu.
Introduċejt lili nnifsi lil Candy li kienet tassew dħulija. Ħarset lejn il-biljett tiegħi fit-tul u fid-daqqa u l-ħin għajtet: “L-Islovakkja! Mela aħna ġirien. Jien jisimni Halyna u ġejja mill-Ukrajna.”


Emmnu jekk tridu, iżda l-isbaħ sider tal-Punent effettivament ġie mil-Lvant.

(transl. by Immanuel Mifsud)

2 comments:

w-abt said...

jeje, Malta....... to sa tak casto nevidi / text v maltstine, lebo aj na ostrovoch bezi anglictina..

muringustav said...

Áno, máte pravdu, ale tu ide o to, že jedna poviedka je preložená do pribl. 18-tich jazykov vrátane tých exotickejších. Som rád, že Vás to zaujalo.